Tlieta mejta, mijiet evakwati wara għargħar fl-Ukrajna

Tliet persuni tilfu ħajjithom minħabba xita torrenzjali fl-Ukrajna, filwaqt li mijiet oħra kellhom iħallu djarhom u diversi villaġġi ġew iżolati fir-reġjun tal-punent, skont rapport tal-awtoritajiet nhar l-Erbgħa. 

Filwaqt li bosta ppruvaw jipproteġu l-proprjetà tagħhom, madwar 800 ruħ ġew evakwati minn meta bdiet ix-xita nhar it-Tnejn, qal il-Ministru għall-Intern Arsen Avakov li żar iż-żona li ntlaqtet mid-diżastru flimkien mal-Prim Ministru Denys Shmygal.

“Is-sitwazzjoni hija kritika f’ħames reġjuni, u r-reġjun Ivano-Frankivsk huwa dak li sofra l-akbar ħsarat. L-aħħar darba li kellna għargħar bħal dan kien fl-2008,” qal Shmygal meta tkellem mal-ġurnalisti.

Madwar 5,000 dar f’187 villaġġ kienu għadhom mgħarrqa nhar l-Erbgħa filgħodu, skont rapport tas-servizzi tal-emerġenza. 

Il-Prim Ministru qal li gruppi ta’ salvataġġ kienu evakwaw pazjenti, inkluż dawk li għandhom l-infezzjoni tal-coronavirus, minn sptar reġjonali mgħarraq fil-belt ta’ Halich.

Filmati mill-amministrazzjoni reġjonali u fuq il-midja soċjali urew xmajjar tal-muntanji mfawwra bl-ilma, villaġġ parzjalment mgħarraq u għelieqi u toroq mifqugħa bl-ilma.

Il-Ministeru tal-Intern qal fi stqarrija li dan l-għargħar huwa wieħed mill-aktar qawwija li kien hemm fir-reġjun dawn l-aħħar snin, u ddikjara li erba’ helicopters, ajruplan u 150 suldat kienu ntbagħtu fiż-żona.