Tlieta maqtula waqt dimostrazzjonijiet fil-Venezwela

Mill-anqas tliet persuni nqatlu waqt dimostrazzjonijiet li saru f’Caracas u f’diversi bliet oħra fil-Venezwela, fejn bħalissa għaddejja kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili kontra l-Gvern tal-pajjiż. Ġuvni ta’ 17-il sena inqatel f’Caracas, mara ta’ 23 sena inqatlet f’St.Cristobal filwaqt li suldat tal-Gwardja Nazzjonali nqatel f’belt oħra.
Il-Konferenza Episkopali tal-Venezwela qalet li l-protesti ċivili u paċifiċi ma humiex reat u qatt ma għandha tintuża ripressjoni eċċessiva biex dawn ikunu kontrollati. L-isqfijiet sostnew li d-demokrazija hi karatterizzata, billi jkunu rispettati u protetti id-drittijjiet taċ-ċittadini. Meta Gvern jinjora dawn id-drittijiet jew ma jirrispettahomx il-pajjiż ma jibqax wieħed demokratiku u l-Gvern jitlef il-leġittimita tiegħu għax id-dover tal-Gvern hu li jiddefendi ċ-ċittadini kollha irrispettivament mill-fehma politika tagħhom.
“Hemm fatturi oħra li joħonqu d-demokrazija fosthom il-konċentrazzjoni tal-poter f’idejn persuna waħda. Din hi s-sitwazzjoni attwali fil-Venezwela”, żiedu jgħidu l-isqfijiet tal-pajjiż.
L-Isqfijiet iddikjaraw il-pożizzjoni tal-Knisja: Li tiddefendi d-drittijiet fundamentali, il-ħajja, il-libertà, is-saħħa u drittijiet oħra taċ-ċittadini hu d-dover ta’ kull persuna. Dan hu wkoll dritt u dover tal-Knisja u ta’ dawk kollha li jemmnu, għax id-drittijiet umani u ċivili ma jappartjenux biss lill-isfera soċjo-politika imma wkoll lill-qasam reliġjuż.
Għalhekk il-Konferenza Episkopali tal-Venezwela, tistieden liċ-ċittadini, lil dawk li jemmnu fi Kristu u lin-nisa u rġiel ta’ rieda tajba, biex jaġixxu skont il-kuxjenza tagħhom u skont il-prinċipji demokratiċi u l-liġijiet tal-pajjiż u jeżerċitaw id-dritt li jipprotestaw u jimmanifestaw pubblikament b’mod responsabbli u paċifiku.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet madwar sitt miljun persuna ipprotestaw madwar il-pajjiż kollu li żewġ miljuni u nofs minnhom kienu f’Caracas biss. Il-Pulizija sparaw gass tad-dmugħ biex iferrxu l-folol u nqalgħu inċidenti vjolenti li fihom mietu u korrew in-nies.