Tlieta l-isptar minħabba cocktail f’Paceville

Żagħżugħa weġġgħet serjament wara li fjammi ta’ cocktail speċjali laqtugħa f’wiċċha.
L-inċident seħħ fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville ftit wara nofs il-lejl fi Triq Santa Rita f'San Ġiljan.
It-tfajla ta’ 16-il sena sofriet ħruq f’rasha u f’dahra waqt li l-barman kien qed jipprepara cocktail speċjali li jieħu n-nar.
Hekk kif il-barman kien se jqabbad l-istess xorb, għal xi raġuni l-fjamma infirxet bil-konsegwenza li din sofriet ħruq f’wiċċha u f’partijiet oħra minn ġisimha.
Iż-żgħażagħ, ġuvni u tfajla Taljani ta’ 16-il sena u Spanjola ta’ 17-il sena, ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Iktar tard, il-ġuvni ta’ 16-il sena ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji filwaqt li l-kundizzjoni medika taż-żewġ persuni l-oħra għadha mhux magħrufa. 
Il-barman kien arrestat filwaqt li dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali biex tinvestiga ċ-ċirkustanzi tal-inċident.