Tlieta interrogati dwar il-każi ta’ tislib tal-annimali fil-Mosta

Lejliet is-sittax-il jum tax-xahar, il-pulizija qed tieħu l-passi kollha biex kif jisbaħ, ma ssibx ma wiċċha każ ieħor ta’ tislib t’annimali fil-Mosta. Minn Ottubru ta’ sentejn ilu, kien hemm sitt każi ta’ tislib t’annimali f’din il-lokalità.

Newsbook huwa infurmat li s’issa, l-pulizija diġa interrogat tliet persuni b’rabta ma’ dawn il-każi. Fi tweġiba għal numru ta’ mistoqsijiet li ntbagħtu lill-pulizija, intqal li minn barra rondi mal-lokalità, qed issir għassa ma’ dawk li jistgħu ikunu postijiet strateġiċi.

L-ewwel każ ta’ tislib t’annimali seħħ fis-16 t’Ottubru 2011, b’każijiet oħra ukoll seħħew fis-sittax-il jum tax-xahar b’eċċezzjoni waħda. Dawn kienu fis-16 ta’ Novembru 2011, is-16 ta’ Jannar 2012, l-10 ta’ Frar 2012, 16 ta’ Diċembru 2012, u 16 ta’ Jannar 2013.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook, jidher li l-każi kollha minbarra tlieta, kellhom ħafna similaritajiet u b’hekk probabbli saru mill-istess individwu jew grupp.

Il-postijiet fejn seħħew il-każi kienu prominenti minħabba li kienu jinkludu kappella, l-oratorju u skola. Barra minn hekk, L-ewwel annimal kien instab ma’ residenza fejn kien seħħ delitt fi Frar tal-1999… ukoll fis-sittax-il jum tax-xahar.

L-ewwel żewġ każijiet kienu tislib ta’ klieb tal-istess razza u daqs. Il-każi segwenti kienu dawk bi qtates.

Jidher li kważi f’kull każ, tħalliet xi nota sew jekk fuq karta jew fuq l-injam li fuqu nstab imsallab l-annimal.

Meta mistoqsija fuq jekk kienx veru li nstabu provi b’rabtiet sataniċi, il-Pulizija wieġbet li għadha qed tesplora l-fatti plawsibbli kollha u b’hekk ma teskludi xejn.