Tlieta arrestati wara sejba ta’ droga

CMRU

Read in English.


Tliet irġiel qed jinżammu arrestati mill-Pulizija wara li nstabu fil-pussess ta’ droga, li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom.


Fi stqarrija, il-pulizija qalet li matul il-lejl li għadda, waqt ronda li l-Pulizija mill-Ispecial Intervention Unit kienu qed jagħmlu fi Triq Dragonara, San Ġiljan, innutaw żewġ ġuvintur ħdejn vettura u jaġixxu b’mod suspettuż sakemm wieħed minnhom deher joħroġ bott
mill-vettura.

Kien hawn li l-Pulizija waqfu liż-żewġt irġiel, wieħed ta’ 26 sena u ieħor 21 sena, it-tnejn
residenti Ħal Qormi.

Minn tfittxija li saret, irriżulta li fil-bott kien hemm sustanza suspettata li hija ħaxixa tal-cannabis.

Fuq il-persuna l-oħra nstabu aktar minn €1,300 fi flus kontanti.

Minn aktar stħarriġ li għamlu l-Pulizija tad-Distrett, irriżulta li waqt tfittxija fir-residenza ta’ wieħedmill-ġuvintur, instab basket b’erba’ boroż b’sustanza suspettata li hija ħaxixa tal-cannabis, kif ukoll żewġ boroz oħra b’sustanza bajda allegatament kokaina.

B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija arrestat ukoll raġel ta’ 27 sena minn Ħaż-Żebbuġ.
Dwar dan il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech LL.D.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan.