Tliet żgħażagħ l-isptar wara ħabta bi quad bike

Tliet żgħażagħ Franċiżi ta’ 23 sena residenti tas-Sliema ttieħdu b’emerġenza l-Isptar Ġenerali wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq ir-Rabat, iż-Żebbuġ Għawdex. L-inċident seħħ għall-ħabta 2.40pm.

Fi stqarrija, il-Pulizija ddeskriviet kif stħarriġ preliminari rriżulta li wieħed miż-żgħażagħ kien qiegħed isuq Quad bike tat-tip Adly 320UD u tilef il-kontroll. Fuq l-istess vettura kien hemm żgħażugħ ieħor. Konsegwenza t’hekk, żgħażugħ Franċiż ieħor li kien qed isuq il-quad bike tat-tip Adly 320U fl-istess direzzjoni, prova jevita li jkollu mpatt iżda ħabat ma’ ħajt.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tliet persuni l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura, iżda l-kundizzjoni medika tat-tliet persuni għadha ma ġietx iċċertifikata. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.