Tliet żgħażagħ arrestati minħabba d-droga

Ritratt-ta-Stqarrija-Stampa-PR-661-20-Nr.-1

Tliet żgħażagħ ġew arrestati lbieraħ minħabba d-droga. Dan seħħ ilbieraħ filgħaxija mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt waqt rondi li għamlu fil-Belt u l-Floriana. It-tliet persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.

Fi stqarrija l-Pulizija qalu li l-ewwel arrestaw żewġ żgħażagħ ta’ 19-il sena li kienu fi Ġnien Hastings. Ġie spjegat li l-Pulizija marru fil-ġnien wara rapporti ta’ storbju. Jidher li l-Pulizija għamlet tfittxija fuq iż-żgħażagħ minħabba li ssusspettathom. Wieħed minnhom prova jaħrab iżda twaqqaf mill-ewwel.

Fuq iż-żagħżugħ ta’ 19-il-sena residenti Santa Venera nstabu żewġ pakketti b’sustanza suspettat cannabis, crusher u oġġetti oħra relatati mal-użu tad-droga. Fuq iż-żagħżugħ l-ieħor, li ukoll għandu 19-il sena u residenti San Ġiljan, instabu seba’ pakketti b’sustanza suspettata cannabis, crusher, xafra żgħira u oġġetti oħra relatati mal-użu tad-droga, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Intant, waqt aktar rondi, il-Pulizija waqfet vettura li dehret suspettuża u li kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 28 sena. Minn tfittxija li saret fil-vettura u fuq ir-raġel, il-Pulizija sabet sustanzi suspetti droga eroina u kokaina, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.