
Read in English.
Il-moviment ħieles taċ-ċittadini Ewropej fir-Renju Unit mistenni li jitwaqqaf ħesrem hekk kif ir-Renju Unit mistenni joħroġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru li ġej. Dan ġie żvelat mill-gazzetta The Sunday Times ta’ Londra li ppubblikat dokument sigriet li ġie leaked mill-Gvern Ingliż.
Il-Ministru għall-Intern ġdida Priti Patel kienet ikkwotata tgħid li trid li r-restrizzjonijiet fuq il-fruntiera jidħlu fis-seħħ immedjatament fil-31 ta’ Ottubru. Dan minkejja li għad m’hemm l-ebda sistema li tissostitwixxi l-moviment ħieles.
Ir-rapport sigriet magħruf bħala Operation Yellowhammer jgħid li r-Renju Unit jispiċċa f’pożizzjoni vunnerabbli jekk jitlaq mill-EU mingħajr ftehim.
Jsemmi kif ir-Renju Unit tista’ tlesti ruħha għal tliet xhur ta’ kaos fil-fruntieri, inkluż l-ajruporti u l-portijiet, skarzezza ta’ ikel, fjuwil u mediċina. Dan jekk il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ma jirnexxilux jilħaq qbil aħjar mal-UE dwar il-Brexit qabel il-31 t’Ottubru.
Sa issa għadu ma hemm l-ebda ftehim bilaterali konkluż bejn ir-Renju Unit u xi pajjiż tal-Unjoni Ewropea.