Tliet xandara Maltin fl-Awstralja jispiċċaw bla xogħol

Ħaddiema Maltin mal-istazzjon SBS intemmilhom l-impjieg tagħhom. Minn erba impjiegi permanenti mal-istazzjon SBS, persuna waħda biss għandha xogħol garantit. Din il-persuna qed tagħmel programm ta’ sagħtejn fil-ġimgħa, skont kif titlob l-iskeda l-ġdida. It-tama tal-ħaddiema l-oħra hija li jingħataw siegħat fuq ir-radju diġitali.

SBS huwa servizz ta’ xandir li jaqdi l-iktar lill-Awstraljani li ma jitkellmux biss Ingliż.

Dan is-sit irrapporta li minn April li ġej il-kumpanija SBS se tnaqqas il-programmi tar-radju bil-Malti minn 9 sigħat għal sagħtejn fil-ġimgħa. Kelliema għal din il-kumpanija qalet li ħafna aktar popli qed jagħżlu li jemigraw lejn l-Awstralja, u l-istazzjon ried ilaħħaq mal-lingwi kollha.

Dawk li kienu ħaddiema tal-SBS ikkonfermaw magħna li r-reazzjoni tal-komunità Maltija fl-Awstralja kienet imqanqla, u tant għamlu appelli fid-diversi komunitajiet mal-pajjiż li jista’ jagħti l-każ li l-istazzjon ibiddel id-deċiżjoni tiegħu. Saħansittra kienet informata l-Prim Ministru Julia Gillard, li ordnat investigazzjoni dwar ir-riformi tal-kumpanija SBS.

Kien hemm diversi laqgħat ma’ rappreżentanti tal-komunitajiet Maltin, kif ukoll mal-Kummisarju Għoli Malti fl-Awstralja.