Tliet teatri Maltin jibbenifikaw minn €1,000,000 għal xogħol strutturali

Tliet teatri Maltin se jkunu qed jibbenefikaw minn fondi għal xogħol strutturali maġġuri.  Dan tħabbar aktar kmieni llum mill-Ministeru għall-Kultura.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li t-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, it-Teatru Pandora fiż-Żejtun, u t-Teatru Blue Arena f’Ħaż Żabbar se jkunu kollha qegħdin jibbenefikaw minn total ta’ €1,000,000 bejniethom kollha, fuq sentejn, sabiex jindirizzaw xogħlijiet strutturali maġġuri fit-tliet spazji teatrali.

L-iskema b’mod ġenerali timmira li tiżgura li jkun hemm legat għall-istudju Spazji Teatrali – A Catalogue of Theatres in Malta li identifika u ġabar informazzjoni importanti dwar l-ispazji teatrali differenti madwar Malta u Għawdex. L-iskema tipprovdi l-mezzi finanzjarji biex isir titjib sinifikanti fl-ispazji magħżula li jwassal sabiex dawn l-ispazji jkollhom aktar użu u jkunu aktar professjonali.

Fl-2018, l-lewwel fergħa tal-iskema, li kienet immirata għal proġetti iżgħar, investiet total ta’ €60,000 f’ħames proġetti differenti oħra.  Fost il-benefiċjarji kien hemm Teatru Metanoia f’Ħal Luqa, it-Teatru Astra fir-Rabat Għawdex, u l-MADC Clubhouses.

Din it-tieni fergħa ta’ din l-iskema għal din is-sena ġiet introdotta bl-għan li tinvesti f’xogħlijiet infrastrutturali fuq skala akbar, bl-intenzjoni li l-ispazji teatrali jiġu restawrati u jitjieb l-użu tagħhom filwaqt li joqorbu aktar lejn livelli professjonali.