Tliet splużjonijiet f’moskea fin-Niġerja

Għadd kbir ta’ persuni nqatlu fi tliet splużjonijiet li seħħew f’waħda mill-ikbar moskej li hemm f’Kano fin-Niġerja.
Din il-moskea tinsab ftit il-bogħod mill-palazz tal-Emir u hija l-post fejn jinġabru għat-talb il-mexxejja Musulmani f’dan il-pajjiż.
L-Emir, Mohammed Sanusi ma kienx preżenti waqt l-isplużjonijiet għaliex jinsab fl-Għarabja Sawdija.
L-ewwel rapporti jindikaw li huma aktar minn 50 il-persuni mejta, għalkemm dan in-numru mistenni li jiżdied.
Huwa mifhum li l-attakk twettaq mill-militanti tal-Boko Haram biex jippruvaw joqtlu lill-Emir.
Fil-ġranet li għaddew, Sanusi kien appella lill-poplu biex ikun ippreparat u jinġarru l-armi kontra l-militanti.