Tliet sorijiet jgħinu lill-Misilmin f’Tamara

Il-Papa jżur iċ-Ċentru ta' Ħidma Soċjali f'Tamara immexxi minn tliet sorijiet Kattoliċi

Waqt li kien fil-Marokk nhar il-Ħadd filgħodu, il-Papa Franġisku żar ċentru soċjali li jinsab f’Tamara, il-barra mill-kapitali Rabat u hemmekk iltaqa’ u nkoraġġixxa lis-Sorijiet tal-Karità ta’ San Vincenz de Paule fil-ħidma tagħhom biex jgħinu lill-foqra tal-inħawi.

F’dan il-post, tliet sorijiet tal-Karità imexxu Iċ-Ċentru Rurali għas-Servizzi Soċjali li fih jgħinu 150 tifel u tifla fil-ħtiġijiet materjali u piskoloġiċi tagħhom.

Għajnuna lill-familji foqra

Sister Gloria Carrilero, is-Superjura tal-Komunità ilha taħdem f’dan iċ-Ċentru mill-1990. Sentejn wara ngħaqdet magħha Sr. Luis Quintan u fl-2006 marret ukoll Sr. Magdalena Mateo. It-tlieta huma Spanjoli u llum qed jgħixu fost il-Musulmani bla ebda lqugħ biex jipproteġi d-dar tagħhom.

Dan iċ-Ċentru fetaħ 44 sena ilu biex jikkura feriti kaġunati minn ħruq li tfal u kbar iġarrbu waqt li jkunu qed isajjru fl-apert.

It-tliet sorijiet għandhom l-għajnuna ta’ għalliema u nfermiera Marokkini. Kull filgħodu jiftħu l-bibien taċ-Ċentr fit-8.00 a.m. biex jilqgħu madwar 40 tifel u tifla fl-età bejn 3 u 15-il sena u jipprovdulhom kolazzjon u ikla f’nofsinhar u t-tagħlim meħtieġ.

Huma jgħinu wkoll in-nisa tal-lokalità billi jipprovdulhom ħrieqi u ikel għat-trabi tagħhom u jorganizzaw korsijiet għal nisa illitterati biex jgħinuhom jitgħallmu jaqraw u jgħoddu l-bqija meta jmorru jixtru.

Grazzja li tkun fost il-Musulmani

Sister Gloria Carrilero qalet lill-Vatican News li l-missjoni tagħhom hi megħjuna mill-Musulmani billi l-eqreb insara tagħhom huma l-Patrijiet Franġisknai li jinsabu fil-kapitali, Rabat.

“Jien għext mal-Musulmani għal aktar minn 28 sena u nħoss li din kienet grazzja kbir minn Alla li qsamt ħajti magħhom biex ngħinhom. Il-Musulmani għallmuni ħafna affarijiet tajbin: il-ġenerożità, li ninfetaħ għall-oħrajn, l-ospitalità u l-kura tal-fqar. Tawni lezzjoni fil-prattika u jien bħala Kattolika aċċettajtha.”

Sister Gloria qalet li spiss tfakkar lill-Musulmani li tgħin li huma għandhom l-istess Alla u nersqu lejh b’modi differenti. Qalet li ż-żjara tal-Papa fil-Marokk, pajjiż Musulman hi grazzja kbira.