Tliet snin ħabs għax ħadet ritratti pornografiċi ta’ uliedha

Mara ta’ 35 sena weħlet tlett snin ħabs wara li nstabet ħatja li ħadet ritratti mhux xierqa liż-żewġt itfal tagħha. It-tfal għandhom tlett snin u 18-il xahar rispettivament. Il-mara li hi Taljana ġiet irrappurtata lill-pulizija mill-aġenzija li tipproteġi lit-tfal Appoġġ.

Lura fl-2017 l-omm u l-missier tressqu l-qorti separatament wara li nstab li kellhom aktar minn 70 ritratt u vidjows li juru t-tfal tagħhom imissu l-partijiet private tal-missier, jieħdu d-doċċa mal-ġenituri u nudità oħra f’ambjent domestiku.

Appoġġ ġew infurmati mill-iskola li impjegat lill-omm bħala child-care support worker ma’ tfal li jbagħtu bl-awtiżmu. L-iskola ċemplet lil Appoġġ wara li l-mara wriet lill-kollegi numru ta’ ritratti tat-tfal tagħha arwiena flimkien ma’ missierhom.

Hi kienet qalet lill-pulizija li kienet ħadet ir-ritratti biex tużhom fil-proċess ta’ separazzjoni għax ir-raġel tagħha kien jirrifjuta milli jilbes il-ħwejjeġ id-dar. Hi qalet li ma kinitx taf li jeżisti Appoġġ minħabba li hi barranija. Rigward ir-ritratti tat-tfal għarwiena, hi qalet lill-pulizija li kienet ħadtihom biex turi lill-pedjatra u taċċerta ruħha li t-tfal qed jikbru tajjeb.

Hi insistiet li r-ritratti ma kinux ittieħdu biex jintużaw għal pornografija jew b’modi oħra indiċenti.

Il-qorti qalet li t-teħid tar-ritratti fih innifsu ma jmurx kontra l-liġi. L-azzjonijiet tal-mara ma waqgħux taħt id-definizzjoni ta’ korrompiment ta’ minorenni peress li l-elementi meħtieġa għal din il-kriminalità ma kinux preżenti kollha. Il-qorti osservat li r-ritratti pornografiċi ttieħdu sew qabel beda l-proċess ta’ separament, uħud anka qabel kellhom it-tieni wild. Il-qorti qalet li l-attentat li għamlet l-omm biex toħloq skuża dwar l-użu tar-ritratti ma kienx kredibbli.  

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar is-sentenza, il-qorti nnutat li l-mara bidlet l-indirizz tagħha waqt li kienet fuq pleġġ u ma infurmatx lill-pulizija.

Il-qorti kkundannat lill-omm tliet snin ħabs u pprojbixxietha b’mod permanenti minn attivitajiet professjonali li jinvolvu kuntatt regolari u dirett ma’ tfal żgħar. Isimha ddaħħal ukoll fir-reġistru tal-pedofli.