Tliet sigħat oħra mingħajr elettriku matul il-lejl

Partijiet minn Ħal Qormi u partijiet oħra fil-lokalitajiet tal-madwar spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku matul il-lejl li għadda.
Jirriżulta li speċjalment f’Ħal Qormi l-elettriku nqata’ mill-11.30 ta’ filgħaxija u reġa’ ġie stabbilit daqs tliet sigħat wara.
Din il-lokalità kienet waħda mill-iktar lokalitajiet li ntlaqtu ħażin waqt il-qtugħ ġenerali tal-elettriku fit-12 ta’ Awwissu li għadda, b’aktar minn 14-il siegħa mingħajr elettriku.
Ma’ Newsbook.com.mt, residenti f’Ħal Qormi qalu li ġarrbu ħsarat kbar u li kellhom jarmu ħafna prodotti tal-ikel.
Matul il-lejl li għadda, lokalitajiet oħra fil-madwar għamlu perjodi inqas mingħajr il-provvista tal-elettriku, b’persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li għamel xi ħin ġej u sejjer.
Fil-preżent jinsabu għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ tiswija b’konnessjoni mal-ħsarat li seħħew wara l-isplużjoni f’parti miċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Marsa.
Il-Korporazzjoni Enemalta kienet avżat li waqt li jinsabu għaddejjin dawn ix-xogħlijiet, kien se jkun hemm qtugħ fl-elettriku.
Fil-ġranet li għaddew, il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi ħabbar li l-Gvern se jagħti €25 lill-familji kollha li spiċċaw mingħajr elettriku għal aktar minn 12-il siegħa.