Tliet qassisin jistgħu jkantaw għall-Ġermanja fil-Eurovision li ġej

Jekk taħseb li fil-Eurovision Song Contest rajt kull tip ta’ nies … stenna sa nhar il-Ħamis li ġej.

Dan għaliex fl-14 ta’ Frar, f’Jum San Valentinu, il-Ġermanja se tiddeċiedi lil min se tibgħat biex jirrappreżentaha.

Fost il-kantanti Ġermaniżi li spiċċaw fil-finali, hemm ukoll grupp ta’ tliet qassisin li mistennija jkantaw innu dwar il-Madonna. Il-grupp jismu “Die Priester”, bil-Malti “Il-Qassisin”.

Iva, grupp ta’ qassisin li se jkantaw Ave Maris Stella, innu Gregorjan ta’ żmien il-Medju Evu.

Għall-Eurovision, Father Vianey Meister, Andreas Schatzkle u Abbot Rhabanus Petri għażlu li tkanta wkoll magħhom is-soprana Ġermaniża Mojca Erdmann.

It-trio hu magħruf sew fil-Ġermanja. Fl-2011 ħareġ album bl-aqwa għaxar innijiet Insara.

Dawn mhumiex l-ewwel qassisin li ffurmaw grupp ta’ kant. Hemm ukoll il-grupp ta’ qassisin tal-Irlanda u anke Les Prètres minn Franza.