Tliet proġetti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar

L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-bord tagħha ħareġ tliet permessi għal żvilupp fix-Xewkija, ieħor f’Ta’ Kandja u għal zoo terapewtiku fis-Siġġiewi.
Ċentru tal-kummerċ fix-Xewkija
Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjana ħareġ permess biex fix-Xewkija jinbena ċentru tal-kummerċ li joħloq l-impjiegi. Dan se jsir minflok l-impjant tal-ipproċessar tal-ħalib, fiż-żona industrijali tax-Xewkija. Il-bini l-ġdid se jkun jinkludi uffiċini, kmamar għall-konferenzi kif ukoll spazju tal-parkeġġ taħt l-art għal 60 karozza.
Ċentru ta’ rijabilitazzjoni mid-droga f’Ta’ Kandja
Proġett ieħor li ġie approvat mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kien dak ta’ żvilupp f’Ta’ Kandja fil-limiti tas-Siġġiewi. Hawnhekk se jiġi żviluppat ċentru terapewtiku għar-rijabilitazzjoni ta’ dawk li jużaw id-droga. Dan il-proġett se jinkludi 10 kmamar tas-sodda, kmamar komuni u karma fejn isiru l-attivitajiet fiha.
Zoo terapewtiku fis-Siġġiewi
Permess ieħor li ġie approvat, kompliet tgħid l-Awtorità tal-Ippjanar, huwa dak magħruf bħala L-Arka ta’ Noe’ fis-Siġġiewi. L-Awtorità qalet li dan huwa zoo terapewtiku u l-approvazzjoni tinkludi faċiltajiet għall-gaġeġ tal-annimali. Fl-istess ħin, l-Awtorità qalet li ġiet imposta fuq is-sid multa ta’ €50,000, kif ukoll rabta biex is-sid joffri żjarat edukattivi b’xejn fiż-zoo għat-tfal tal-iskola.