“Tliet politiċi tal-Gvern jinċitaw mibegħda kontrija” – il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife

Il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife Mark Sultana qal li tliet politiċi tal-Gvern qed jinċitaw mibegħda kontrih fost il-kaċċaturi u dawk li jissapportjawhom.

Fuq Facebook, Mark Sultana kien qed iwieġeb lill-Ministri Clint Camilleri u Silvio Schembri li flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba lkoll għamlu stqarrijiet kontra Sultana minħabba li huwa fetaħ kwerela fil-Qorti kontra d-deroga li ġiet applikata biex tinfetaħ il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Huwa stqarr li l-intimidazzjoni ma taħdimx fuqu anzi tħeġġu b’aktar enerġija biex jibqa’ jiġġieled għal dak li huwa tajjeb kontra l-illegalità, l-immoralità u dawk l-affarijiet li mhumiex etiċi.

Spjega wkoll li mill-mument li l-politiċi tal-Gvern fetħu l-kanuni kontrih kien suġġett ta’ abbuż u bbulijar mingħand il-kaċċaturi u dawk li jissapportjawhom.

Dwar il-kwerela huwa qal li din hija legali, morali u etika. Huwa fisser lill-Prim Ministru li kien qed jikser il-liġi billi neħħa l-liġijiet li jipproteġu lill-għasafar mill-Ministeru għall-Ambjent u poġġihom taħt il-Ministeru għal Għawdex minħabba li dan tal-aħħar huwa kaċċatur.

Fisser kif l-Avviżi Legali 139 u 140 nħarġu mill-Ministeru għall-Ambjent Aaron Farrugia għax ma setgħax jiffirmahom il-Ministru ta’ Għawdex iżzda fl-istess waqt, il-liċenzji għall-kaċċaturi ħarġu mill-Ministeru għal Għawdex. Huwa qal li fil-Qorti huma qed jitolbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jintervjeni u jaġixxi kontra min qed jikser il-liġi. Huwa temm jgħid li dawn l-istess politiċi qed jadottaw politika populista għax ma jikkummentawx fil-pubbliku dwar l-illegalitajiet li qed isiru fl-ambjent iżda malajr ħatfu l-mument biex jikkumentaw dawr din il-kwerela biex ikunu popolari fost il-kaċċaturi.

Il-Ministru għall-Ekonomija f’dinja għalih – il-PN

Intant fi stqarrija separata, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri jinsab f’dinja għalih għax “flok jieħu ħsieb l-ekonomija qed jaħli l-ħin tiegħu u l-flus li jitħallas mit-taxxi tal-poplu biex jikteb il-ħmerijiet fuq Facebook biex mingħalih jintgħoġob mal-kaċċaturi”.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap tal-PN Adrian Delia u d-deputati Nazzjonalisti Robert Arrigo u Claudio Grech, huma qalu liwWieħed issa jista’ jifhem għaliex f’xahar il-qgħad f’pajjiżna żdied bi 28%. Stqarrew ukoll li din is-sitwazzjoni “hija sinjal ċar tad-diżrispett totali li għandu dan il-Gvern lejn dawk il-mijiet ta’ ħaddiema li tilfu xogħolhom”.

B’risposta għal din l-istqarrija, il-Partit Laburista qal li waqt li l-Gvern iqis bħala mhux f’lokhom it-talbiet biex jittieħdu proċeduri kriminali kontra 6,000 kaċċatur, il-Kap Nazzjonalista mhux talli ma kkundannax dan l-aġir, iżda sejjaħ bħala ħmerijiet dikjarazzjoni ta’ min ħareġ jiddefendi d-drittijiet ta’ sitt elef persuna.