Ritratti: Vapur jinqasam fil-baħar; 3 salvati mill-għarqa

Aġġornat 05:23 PM
AFM

Read in English.

Il-Maltemp li qed jaħkem ir-reġjun tal-Mediterran wassal biex il-vapur Lady Sandra, li jbaħħar taħt il-bandiera Ingliża jinqasam min-nofs.

Il-każ seħħ matul il-lejl u l-Forzi Armati ta’ Malta għamlu ħidma ta’ salvataġġ.

Din il-ħidma kienet waħda kkumplikata minħabba l-mewġ għoli.

Lady-Sandra
Marine Traffic – Screen Shot

Kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li abbord il-vapur kien hemm tliet membri tal-ekwipaġġ, zewġ Eġizzjani u Rumen li ġew salvati mill-Armata Maltija.

Aktar tard, fi stqarrija l-AFM qalet li rċeviet talba għall-għajnuna fid-9.32pm mill-Motor Tanker Lady Sandra.

Il-kaptan qal li t-tanker ġarrab ħsara fil-ballast u li l-vapur kien qed jgħereq. L-AFM bgħatet il-MELITA 1 (search and rescue vessel) u l-ħelikopter AW139 fuq il-post li kien 13-il mil nawtiku ‘l barra minn Malta.

Meta waslet il-MELITA 1, it-tliet membri tal-ekwipaġġ kienu fil-baħar. Kellhom jabbandunaw il-life raft tagħhom wara li nkisret.

It-tliet persuni ġew salvatu u ttieħdu lejn il-bażi militari tal-Hay Wharf. Dawn ma kellhomx bżonn asisstenza medika. Intalbet l-assistenza tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger