Filmat: Ġlieda f’Paceville; 3 persuni l-isptar

Aġġornat 06:26 PM

Read in English.

Kellu jkun l-intervent ta’ diversi pulizija biex f’Paceville biex tiġi kkalmata ġlieda bejn persuni ta’ nazzjonalità barranija. Il-ġlieda bdiet fi stabbiliment tal-ikel fejn inġabru grupp ta’ 50 persuna u ssoktat barra dan l-istabbiliment.

Dan wassal biex intalab l-intervent immedjat tal-Pulizija. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-1am, meta l-Pulizija kienu infurmati li nqala’ argument fi stabbiliment li jinsab fi Triq Gort f’Paceville.

L-ewwel li marru fuq il-post kienu l-pulizija tad-distrett li dlonk ikkalmaw is-sitwazzjoni, anke bl-użu ta’ taser. Fi ftit minuti ngħaqdu magħhom ukoll il-pulizija tal-mobile.

Tliet persuni kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei: Libjan ta’ 34 sena, Libjan ta’ 33 sena u Irlandiża ta’ 36 sena. Il-kundizzjoni tagħhom għadha pendenti. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u diversi persuni qed jiġu mitkellma mill-pulizija.

Il-filmati li jixxandru fuq il-mezzi soċjali juru l-ġlied li seħħ ilbieraħ.