Saru 224 spezzjoni; 4 persuni mmultati

Aġġornat 06:53 PM

Read in English.

F’dawn l-aħħar 24 siegħa, il-pulizija tal-Administrative Law Enforcement flimkien ma’ ħaddiema tad-Direttorat tas-Saħħa Pubblika u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, għamlu 134 spezzjoni. Żewġ persuni oħra nstabu li kienu qed jiksru r-regolamenti tal-kwarantina mandatorja u għalhekk ħarġet taħrika. Dawn il-persuni ġew immultati elf ewro u jridu jsegwu l-kwarantina. B’hekk it-total tal-persuni mmultati tela’ għal 4 persuni u saru total ta’ 224 spezzjoni.

Il-persuni li nqabdu jiksru l-liġi kellhom iħallsu multa ta’ elf ewro.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, saħaq li fl-interess nazzjonali, se jkomplu jsiru l-ispezzjonijiet fis-sigħat li ġejjin. Spjega li l-ispezzjonjiet huma parti mill-impenn tal-gvern biex jiġġieled kontra l-imxija tal-Covid-19. 

F’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li l-Pulizija sabu tliet persuni li ma kinux qed josservaw il-kwarantina mandatorja. Hija qalet li flimkien mal-uffiċjali tas-saħħa li qed jakkumpanjaw il-Pulizija huma pproċedew skont il-provimenti tal-liġi u għaldaqstant iħallsu l-multa ta’ €1,000 għal kull ġurnata li nstabu ma josservawx il-kwarantina mandatorja.

Fl-istess konferenza hija qalet li ġeneralment tibda t-trasmissjoni meta jibdew l-ewwel sintomi u ħabbret tliet każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn