Aġġornata bil-filmat: Raġel u tfajla jitilfu ħajjithom fil-Qbajjar

20:00 Tieqaf it-tfittxija għat-tfajla Franċiża ta' 17-il sena li hu mifhum għerqet fl-inħawi tal-Qbajjar. It-tfittxija mistennija tkompli għada mas-sebħ fl-inħawi tax-Xwejni u l-Qbajjar.

Aktar qabel:

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li żewġ persuni ta' nazzjonalità Franċiża tilfu ħajjithom wara li sabu ruħhom f'diffikultajiet waqt li kienu qed jgħumu fl-inħawi tal-Qbajjar, limiti ta' Marsalforn.

Dawn huma raġel ta' 53 sena, li l-katavru tiegħu ttella' mill-baħar, u tfajla ta' 17-il sena, li l-katavru tagħha għadu ma nstabx. Fuq il-post qed idur ħelikopter tal-Forzi Armati ta' Malta.

Il-baħar qawwi u r-riħ qed itellfu l-ħidma tal-Forzi Armati.

Informazzjoni li kiseb Newsbook minn fuq il-post tindika li t-tfajla li mietet hi ħabiba ta' bint ir-raġel li tilef ħajtu f'din it-traġedja. Kienet bint ir-raġel flimkien ma' ommha li bdew jgħajtu għall-għajnuna wara li l-raġel u t-tifla ma reġgħux lura lejn l-art. 

Hu mifhum li huma kienu Għawdex għal btala.

Persuni fil-madwar sejħu għall-għajnuna, u għal ħabta tal-5.30 p.m. żewġ karozzi tal-pulizija, ambulanza u membri tal-protezzjoni ċivili waslu fuq il-post.

Malli nxterdet l-aħbar traġika, bosta persuni inġabru fuq il-post isegwu l-ħidma ta' salvataġġ.

 

Ritratti: Jennifer Grillo, Charmaine Attard