Tliet persuni arrestati wara rejd fil-Marsa

Ġew arrestati tliet persuni wara r-rejd li seħħ ilbieraħ filgħaxija fil-Marsa.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li din il-ħidma seħħet wara ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. Ir-rejd saret mill-istess skwadra assistita mill-Pulizija tal-Ispecial Intervention Unit u l-Pulizija tat-Traffiku f’post fi Triq it-Tiġrija. Allegatament kien qed isir traffikar ta’ diversi tipi ta’ droga illeċita f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.

It-tliet persuni arrestati huma raġel ta’ 34 sena residenti l-Ħamrun, raġel ta’ 46 sena residenti l-Imsida u raġel Libjan ta’ 29 sena residenti Marsaskala.

Il-Pulizija b’rejd fil-Marsa

Permezz tal-investigazzjoni instabu diversi qratas bi trab abjad u kanella li allegatament huma droga kokaina u eroina rispettivament, kif ukoll qratas allegatament bi pjanta tal-kannabis li kienu lesti għat-tqassim. Instabu wkoll imwieżen elettroniċi u oġġetti oħra relatati mal-konsum u t-traffikar tal-istess sustanzi.

It-tliet persuni ttieħdu ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal iżjed stħarriġ.