Tliet offerti għal sistema ġdida għall-mediċina

Kien hemm tliet sottomissjonijiet għas-sistema l-ġdida ta’ kif tinħażen u titqassam il-mediċina.
Pharma Solutions Joint Venture, Consortium SLPA-Swisslog u Innovative Automated Solutions qed jikkompetu għall-aħjar offerta wara li l-Gvern, f’Ottubru li għadda, fetaħ sejħa għall-offerti.
L-investiment, ta’ miljuni ta’ ewro fuq mudell Public Private Partnership, se jwassal biex jiddaħħlu sistemi ġodda, inkluż sistema awtomatizzata, biex isir tqassim b’mod iktar effiċjenti tal-mediċina.
Skont Projects Malta, li ħadet ħsieb din is-sejħa għall-offerti, il-pajjiż se jiffranka l-flus għax titnaqqas il-ħela u tiżdied l-effiċjenza. Anke l-ħaddiema jkunu jistgħu jitqassmu aħjar.
Is-sejħa pubblika kienet għad-disinjar, il-manifatturar, l-installazzjoni, l-operat, it-taħriġ u l-manutenzjoni ta’ smart cabinets għal farmaċewtiċi, materjali mediċi u tagħmir ieħor li jintuża fil-kura tas-saħħa.