Tliet nisa jirrakkuntaw kif spiċċaw ilsiera tas-sess

Tliet prostituti llum telgħu l-Qorti jixhdu fil-każ ta’ Theresa Cutajar ta’ 60 sena u r-raġel tagħha Elmleti Saad ta’  25 sena, akkużati li kienu jmexxu burdell fi Triq Enriku Mizzi fil-Gżira.
In-nisa qalu li l-koppja kienet iżżommilhom €20 għal kull kamra li jużaw għall-prostituzzjoni.
Waħda min-nisa, Mary Louise Magro rrakkuntat li għal dawn l-aħħar xahrejn kienet tgħix fid-dar fejn kien hemm il-burdell u sid il-post kienet titlobha €5 għal kull klijent u anke tbiegħilha ħwejjeġ u anke kontraċettivi bi prezzijiet għolja.
Magro qalet li peress li ma kellix rata fissa tas-servizzi li tagħti, tul ix-xahrejn spiċċat ilsiera tas-sess u spiċċat tagħmel dan ix-xogħol għax ma kelliex saqaf fuq rasha u fejn tmur. 
Kompliet tgħid li saħansitra kien ikollha titlob il-permess biex tmur tagħmel il-bżonnijiet naturali tagħha.
Spiridiona Caruana ammettiet ukoll li kienet tipprostitwixxi ruħha fil-bini ta’ Therese Cutajar u anke li kienet imġiegħla tħallas €5 għal kull klijent.
Ix-xhud l-oħra, Lucienne Mallia qalet li meta ma kinitx taqla’ €20 f’ġurnata biex tħallas għal kamra mikrija, Cutajar kienet tavveliha wkoll fil-pubbliku billi darba għollietilha d-dublett.