Tliet missjunarji Ewropej se jkunu l-ewwel Beati tal-Perù

Tliet missjunarji fil-Perù, li nqatlu bħala martri fl-1991, se jiġu beatifikati.
Il-Kardinal Angelo Amato, il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kawża tal-Qaddisin, fil-bidu ta’ Diċembru se jżur il-Perù apposta biex jippresiedi fuq iċ-ċerimonja ta’ beatifikazzjoni.
Il-Beati ġodda huma żewġ patrijiet Franġiskani mill-Polonja, Michael Tomaszek u Zbigniew Strzalkowski, u qassis djoċesan Taljan, Alessandro Dordi.
Huma nqatlu minn terroristi fid-9 u fil-25 t’Awwissu tal-1991.
Skont l-aġenzija Fides, anke l-ogħla uffiċjali ċivili se jkunu preżenti għaċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni, fosthom il-President tal-Perù.
Dawn it-tliet missjunarji huma l-ewwel martri beatifikati fil-Perù.