Ritratti: Tliet Ministri jieħdu l-ġurament tal-ħatra

Is-Segretarji Parlamentari Chris Fearne, Jose Herrera u d-deputat parlamentari Manuel Mallia ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala Ministri.

F’ċerimonja fil-Palazz il-Belt, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ħatret tliet Ministri ġodda wara li lbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar tibdil fil-Kabinett.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ Joseph Muscat ħabbar li r-responsabbiltà tal-Enerġija se tgħaddi f’idejh u l-Ministeru tas-Saħħa se jkun responsabbiltà ta’ Chris Fearne.
Joseph Muscat ħabbar li l-Ministru Konrad Mizzi se jibqa’ mingħajr portafoll.
Ħabbar ukoll li Konrad Mizzi se jirriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Partit.
Waqt li ħabbar il-Ministri l-ġodda, il-Prim Ministru qal li fil-każ tal-Panama ħadd ma allega li saret xi ħaġa illegali u li ma kienx hemm flus involuti.
Qal li dan jagħtih kunfidenza li ma għandux itawwal aktar u li r-rapporti tat-tax audits xorta għandhom jiġu ppubblikati hekk kif ikunu lesti.
Jose Herrera se jinħatar Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima minflok Leo Brincat.
Leo Brincat se jkun nominat fil-Qorti tal-Awdituri.
Manuel Mallia lura fil-Kabinett
Manuel Mallia se jirritorna lura fil-Kabinett bir-responsabbiltà tal-Ekonimija Diġitali, il-Qasam Marittimu, il-Kompettività u s-Servizzi.
Huwa kien tneħħa minn Ministru wara l-każ tal-isparatura tax-xufier tiegħu.
Dwar il-każ l-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li huwa rrabjat u ddiżgustat bl-inċident li fih kien involut il-Kunstabbli tal-Pulizija Peter Paul Sheehan, li kien ukoll ix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia.
Min-naħa tiegħu Manuel Mallia, permezz ta’ ittra ppubblikata fil-Parlament kien qal li hu ma tax ir-riżenja tiegħu għax l-inkjesta sabitu li ma kienx parteċipi fl-ebda cover up.
Fl-ittra Manuel Mallia kien qal li hu ma kellux x’jaqsam ma’ dak li seħħ, li hu m’għamel ebdacover-up, ma rax l-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni wara l-isparatura, u li se jibqa’ leali lejn il-Moviment Laburista u l-Gvern.
Manuel Mallia kien iddeskriva lilu nnifsu bħala “suldat tal-azzar” Laburista u kien qal li se jibqa’ fil-Partit Laburista.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat kien faħħar lil Manuel Mallia u qal li dejjem kien raġel u li hu xempju tat-team spirit tal-Partit Laburista, li minkejja li mhux perfett, dejjem qed isir iktar b’saħħtu. 
F’taħdita fil-Gżira, Muscat kien qal li l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq l-irġulija imma l-irġulija ta’ Manuel Mallia u Michael Falzon “tordom l-irġulija ta’ kull Gvern Nazzjonalista f’25 sena”.
Ritratti: DOI – Reuben Piscopo