Tliet Ministri f’laqgħa mal-MCESD dwar l-Università Amerikana

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD iddiskuta l-proġett tal-Università Amerikana f’Malta.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli qalet li kien importanti li għal laqgħa bħal din jattendu tliet Ministri tal-Gvern sabiex l-imsieħba soċjali jisimgħu dwar dan il-proġett mill-perspettiva edukattiva, ekonomika u ambjentali.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li ħadd mhu se jixtri liċenzja biex jopera Università. Qal li l-Ministeru m’għandu ebda awtorità biex jagħti dan it-tip ta’ liċenzjar iżda hija biss il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla li hija l-awtorità kompetenti u li tista’ toħroġ din it-tip ta’ liċenzja.
Il-Ministru Bartolo saħaq li s-settur edukattiv internazzjonali jinbena bir-reputazzjoni u għaldaqstant kull entità applikanti trid tgħaddi mill-istess proċess ta’ skrutinju.
Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li dan huwa l-akbar investiment dirett barrani li se jkun ra n-Nofsinhar ta’ Malta f’dawn l-aħħar snin fejn b’kollox se jkun qed isir investiment ta’ €115-il miljun fuq medda ta’ tliet snin u b’mod dirett se joħloq 350 impjieg.
Il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat sostna li bħala Ministru laqa’ b’mod pożittiv din it-talba għal diskussjoni għax dejjem saħaq fuq il-fatt li l-funzjoni tal-MCESD għandha titwessa’ biex tiddiskuti l-iżvilupp sostenibbli nnifsu minħabba li jiġbor flimkien dimensjoni ekonomika soċjali, ambjentali u kulturali.