Tliet Maltin u Sqalli mressqa l-Qorti fuq każi separati ta’ droga

Rosario Caruso ta' 40 sena minn Sqallija iżda residenti San Ġiljan tressaq il-Qorti akkużat li importa u kien fil-pussess tad-droga kannabis u kokaina, biegħ u ttraffika d-droga.

Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi mressqa kontrih u ma ingħatax il-ħelsien mill-arrest u se jinżamm fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.

Id-droga kienet instabet mill-Pulizija f'xaft ta' appartament f'Pender Place f'San Ġiljan nhar il-Ħamis li għadda.

F'każ separat, Edward Grech ta’ 29 sena mill-Għargħur, Joe Galea ta’ 44 sena minn Tas-Sliema u Charles Sammut ta’ 35 sena minn San Ġwann, tressqu l-Qorti mixlija li kienu fil-pussess tad-droga.

Din id-droga kienet tinkludi l-kannabis, l-eroina u l-kokaina, f'ċirkostanzi li kien juri li mhux għall-użu esklussiv tagħhom.

Sammut kien mixli wkoll li sar reċediv.

Edward Grech u Charles Sammut wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Grech tpoġġa fuq probation għal sentejn u Sammut għal tliet snin.

Galea wieġeb li mhux ħati u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u għalhekk se jinżamm fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.