Tliet Maltin investigati dwar kaċċa illegali mill-Pulizija Taljana

Il-Pulizija Taljana għaddejja bit-tfittxijiet tagħha għal tliet irġiel Maltin b’rabta ma’ kaċċa illegali.
Fi stqarrija, il-CABS qalet li l-każ imur lura għas-17 ta’ Diċembru li għadda filgħodu, meta l-Maltin allegatament qatlu grawwa, tajra protetta fin-nofsinhar ta’ Sqallija.
L-irġiel intlemħu jisparaw fuq it-tajra minn uffiċjali li kienu qed jagħmlu Ronda ta’ rutina. Huma infurmaw lill-Pulizija Taljana li minkejja li marru fuq il-post biex jarrestaw lill-irġiel, dawn laħqu telqu b’karozza bajda li kellha pjanċi Maltin.
Il-CABS qalet li għaddiet in-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura lill-pulizija tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva (ALE) biex isiru aktar investigazzjonijiet f’Malta.