Tliet knejjes maħruqa fis-Sudan

Il-Knisja ta’ Kristu f’Um Bartumbu fis-Sudan wara li sfat attakkat u maħruqa. Credit: Eyes and Ears Nuba

Tliet knejjes f’belt fin-nofsinhar tas-Sudan, ix-xahar li għadda ngħataw in-nar tliet knejjes. L-insara  ħadmu lejl u nhar biex irranġawhom iżda persuni mhux magħrufa reġgħu tawhom in-nar lejn l-aħħar ta’ Jannar.

L-Organiżazzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Iżvilupp qalet li Knisja kattolika, oħra Ortodossa u knisja oħra tas-Sudan Internal Church, kollha fil-belt ta’ Bout, fit-28 ta’ Diċembru ngħataw in-nar. Sas-16 ta’ Jannar, it-tliet knejjes reġgħu kienu rranġati biex jilqgħu fihom in-nies. Il-blet ta’ Bout hi l-kapitali tad-distrett ta’ Tadamoun li jinsab madwar 300 mil bogħod minn Khartoum.

Skont din l-organiżazzjoni l-inċidenti kienu rappurtati lill-pulizija tal-lokal iżda ma saret ebda investigazzjoni u anqas ittieħdu xi miżuri ta’ prevenzjoni. Huma kkundannaw dawn l-attakki u kkritikaw lill-Gvern li mhux jagħti każ il-liberta’ reliġjuża.

Iżda l-Ministru tal-Affarijiet Reliġjużi tas-Sudan, qal li kien hemm knisja waħda biss li kienet attakkat darbtejn.

Libertà reliġjuża

Il-gazzetta “Sudan Tribune” irrappurtat li l-Ministru sostna li l-Gvern hu mpenjat li jipproteġi l-libertà reliġjuża. “Jekk ikun ippruvat li kien hemm offiża kriminali, min wettaqha jiqabad, investigat u jitressaq il-Qorti”.  Qal li persuna kien interrogat imma nħeles għax ma kienx hemm provi kontrih.

Il-Ministru , Nasr al-Din Mufreh qal li l-Ministeru għall-Affarijiet Reliġjużi wiegħed li jibni knisja b’materjal modern u jieħu ħsieb li jipproteġiha fil-futur.

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan iqis li bejn l-1999 u l-2019, is-Sudan kien meqjus bħala pajjiż ta’  “tħassib partikolari” fejn jidħlu l-libertajiet reliġjużi.

F’Diċembru li għadda, is-Sudan tpoġġa fil-lista ta’ pajjiżi taħt “Special Watch” wara li l-Gvern tranżitorju mmexxi minn politiċi ċivili kien ħa diversi passi biex isewwi l-ksur sistematiku tal-libertà reliġjuża mir-reġim ta’ qabel.

Is-Sudan kien taħt dittatura militari ta’ Omar al-Bashir mill-1989 li kien tneħħa wara protesti kbar, f’April 2019. Il-pajjiż bħalissa għandu gvern tranżitorju.

Skont il-Kummissjoni Amerikana dwar il-Liberta’ Reliġjuża Internazzjonali, taħt ir-reġim ta’ Bashir kien hemm restrizzjonijiet reliġjużi fuq il-Musulmani u oħrajn filwaqt li ngħataw preferenza lis-Sunni.

Madwar 90% tal-popolazzjoni tas-Sudan hi Musulmani u l-liġijiet tal-pajjiż huma bażati fuq is-Sharia. Li wieħed jibdel ir-reliġjon Islamika ġġib magħha sentenza tal-mewt.