Tliet knejjes f’Għawdex jiftħu l-Bieb Imqaddes tal-Ħniena

L-Isqof ta’ Għawdex għażel tliet knejjes biex fihom jinfetaħ għal matul is-sena kollha l-Bieb Imqaddes tal-Ħniena, skont ix-xewqa tal-Papa Franġisku għall-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena fit-8 ta’ Diċembru li ġej.
Il-knejjes magħżula f’Għawdex huma: Il-Katidral tal-Assunta fil-Belt Victoria, is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu u s-Santwarju tal-Immakulata Kunċiżżjoni fil-Qala.
Matul il-perjodu tal-Ġublew, bejn it-8 ta' Diċembru 2015 u l-20 ta’ Novembru 2016, hi marbuta l-Indulġenza Plenarja, “bħala esperjenza ġenwina tal-ħniena t’Alla, li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd, jaħfer u jinsa għal kollox id-dnub imwettaq.”
L-Indulġenza tinkiseb dejjem imsieħba mill-kundizzjonijiet mitluba mill-Knisja, jiġifieri s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, l-Istqarrija tal-Fidi u t-talb għall-Papa u skont il-fehma tiegħu.
Matul is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, il-Knisja f’Għawdex sa tniedi diversi inizjattivi, biex tippromovi l-opri tal-ħniena fost l-Insara tad-Djoċesi u tingħata attenzjoni lill-foqra u dawk fil-bżonn.
Il-ftuħ uffiċjali tal-Ġublew tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex se jsir fit-Tielet Ħadd tal-Avvent, fit-13 ta’ Diċembru 2015, fil-Katidral.
Data tal-ftuħ tal-Bibien Imqaddsa fiż-żewġ Santwarji Marjani l-oħra jitħabbru aktar ’il quddiem.
Aktar dettalji hawn.