Ħabs għal tfajla Bulgara, oħra arrestata u tnejn b’sentenza sospiża fuq serq

Żewġ nisa Bulgari Stefka Sandeva ta’ 51 sena u Ganka Dankova ta’ 29 sena kienu akkużati li aktar kmieni din il-ġimgħa serqu diversi oġġetti mill-bwiet tan-nies fil-Belt Valletta. Sandeva m’ammettitx l-akkużi miġjuba kontriha u ma ngħatatx il-libertà proviżorja. Min-naħa l-oħra, Gankova ammettit l-akkużi ta’ serq fosthom kartieri, flus kontanti u anke credit cards u ingħatat sentenza ta’ sitt xhur priġunerija.

Ayden Mario Grech ta’ 21 sena minn Nadur Għawdex ingħata sentenza sospiża wara li wieġeb ħati li f’ Ottubru li għadda, seraq diversi oġġetti. Grech kien akkużat li seraq flixken tax-xorb u pakketti tas-sigaretti kif ukoll flus kontanti minn każin fin-Nadur stess. Hu ingħata sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs sospiża għal tliet snin.

F’każ separat, Jomic Calleja ta’ 27 sena minn Ħal Qormi ukoll ingħata sentenza sospiża wara li kien akkużat li matul Jannar iffalsifika jew mexxa flus iffalsifikati u sar riċediv. Hu wieġeb ħati u ingħata sentenza sospiża ta’ tliet snin kif ukoll multa ta’ €700.