Tliet kawżi dwar l-iskandlu taż-żejt jinsabu sospiżi

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi qal li fil-Qorti għad hemm ħames kawżi pendenti b'rabta mal-iskandlu tax-xiri taż-żejt li faqqa’ qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Għall-mistoqsijiet Parlamentari tal-MP Glenn Bedingfield, Dr. Bonniċi qal li fi tlieta mill-każi t-terminu tal-kumpilazzjoni jinstab sospiż minħabba pendenzi fi proċeduri ta’ ittri rogatorji li ġew eżegwiti minn Malta fil-kors tal-proċeduri.
Apparti minn hekk fil-każijiet kollha hemm il-ħtieġa li uħud mill-persuni akkużati jixhdu kontra persuni akkużati oħra u għalhekk l-ewwel irid jintemm il-każ ta’ min hemm bżonn li jixhed kontra ħaddieħor.
Għall-mistoqsija jekk dawn il-kawżi qed idumu wisq biex jinqatgħu, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li hu dejjem iħeġġeġ biex il-proċess jieħu l-inqas żmien possibbli.