Tliet kandidati għall-MEPs mill-AD

L-Eżekuttiv ta’ Alternattiva Demokratika approva tliet kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej. Mina Tolu, Carmel Cacopardo u Arnold Cassola, se jirrappreżentaw lill-Alternattiva Demokratika f’dawn l-elezzjonijiet.

Is-Segretarju Generali Ralph Cassar qal li t-tliet kandidati b’esperjenza jirriflettu l-prinċipji ta’ AD u tal-Partit tal-Ħodor Ewropew. Spjega li lkoll kemm huma għandhom politika li tiffoka fuq in-nies u mhux fuq l-interessi tal-korporazzjonijiet, politika favur Ewropa soċjali li tħares u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u f’ambjent b’saħħtu u ekonomija li taqdi l-bżonnijiet reali tan-nies u mhux tal-korporazzjonijiet.

Min huma l-kandidati tal-AD?

  • Mina Tolu, attivista LGBTQI, favur id-drittijiet  taż-żgħażagħ u n-nisa f’Malta u fuq livell internazzjonali tul dawn l-ahhar 8 snin. Mina temmen li l-politiċi ekologisti jaħdmu verament għal ekonomija li tirrispetta lin-nies, għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar u għal dinja ahjar. Temmen li l-politika m’ghandhiex tibqa’ ostaġġ ta’ interessi kbar u tal-korporazzjonijiet multinazzjonali. Mina gradwat fil-komunikazzjoni.
  • Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika mill-2017. Perit. Gradwat mill-Universitajiet ta’ Malta u ta’ Staffordshire fir-Renju Unit. Miżżewweg lil Miriam u missier ta’ żewġt ulied, Martina u Dario. Awtur tal-ktieb ‘Time for Radical Change. The Introduction of Eco-taxation in Malta’.
  • Arnold Cassola, ko-fundatur ta’ Alternattiva Demokratika (1989), kien elett Segretarju Ġenerali tal-European Green Party (1999-2006) u Deputat fil-Parlament Taljan (2006-2008). Bħala akkademiku rkupra f’Ruma l-eqdem dizzjunarju tal-ilsien Malti (seklu 17), f’Istanbul il-manuskritti Ottomani dwar l-Assedju ta’ Malta (1565), f’Madrid l-epika La Maltea (1582) dwar l-Assedju ta’ Malta, u f’Ateni l-kollezzjoni estensiva ta’ Melitensia ta’ Joannes Gennadius.