Tlett itfal imutu fi New York b’marda relatata mal-coronavirus

REUTERS/Andrew Kelly

Read in English.

Tlett itfal mietu fi New York b’marda rari li qed tiġi relatata mal-coronavirus. Il-Gvernatur ta’ New York Andrew Cuomo qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha espona dan ir-riskju ġdid għat-tfal f’din il-pandemija.

Kemm Cuomo kif ukoll il-Gvernatur tal-istat ta’ New Jersey tkellmu fuq l-effett li l-pandemija qed tħalli fuq is-saħħa mentali tan-nies, fattur li qed jinkwieta lill-Gvernaturi madwar l-Istati Uniti minħabba t-telf ta’ impjiegi. Kważi l-50 stat kollha tal-Istati Uniti qed iħejju biex jirrilassaw ir-restrizzjonijiet tal-miżuri, inklużi l-istati ta’ Arizona u Mississippi f’liema stati ġew irrappurtati żidiet fil-każijiet ġodda ta’ coronavirus.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tas-Sibt, Cuomo qal li l-marda Kawasaki tinkludi infjammazzjoni tal-vini u ħsara li tista’ tkun fatali fil-qalb.

Huwa qal li tlett itfal, inkluż tifel ta’ ħames snin li miet il-Ġimgħa, mietu minn sintomi bħal dawn waqt li ttestjaw pożittiv għal Covid-19. Dan ifisser li aktarx hemm rabta bejn il-Kawasaki u l-Covid-19 iżda s’issa x-xjentisti għadhom ma spjegawx din ir-relazzjoni.

Il-Gvernatur qal li l-uffiċjali tas-saħħa għadhom qed jinvestigaw 73 każijiet simili li ġew irrappurtati fi New York fejn t-tfal urew sintomi simili għall-marda Kawasaki li hija marda respiratorja kkawżata mill-coronavirus.

F’Malta sa issa hawn każ wieħed ta’ Kawasaki fost it-tfal. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Professur Gauci kkonfermat dan il-każ waqt il-konferenza tal-aħbarijiet u qalet li meta ġie ttestjat dan irriżulta negattiv għall-Covid-19.
Filmat: 5 każi ġodda; ifiqu 36

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn