Tlett ijiem ta’ talb u sawm fil-Filippini bi tpattija għad-dagħa ta’ Duterte

Konferenza tal-aħbarijiet mill-Isqfijiet tal-Filippini

Bejn is-17 u d-19 ta’ dan ix-xahar, il-Knisja fil-Filippini se torganizza tlett ijiem ta’ talb u sawm bi tpattija għad-dagħa tal-President Duterte, bħal meta qal li Alla hu stupidu. Il-President wiegħed ukoll li jirriżenja jekk xi ħadd jirnexxilu jurih li Alla jeżisti.

L-Isqfijiet tal-Filippini aktar kmieni din il-ġimgħa, filwaqt li qalu li huma mdorrija b’min jipprova jirredikolahom u jippersegwitahom, sejħu għal tlett ijiem ta’ talb u penitenza biex issir ġustizzja ma’ dawk li jidgħu b’Alla, dawk li jigdbu u jixhdu l-falz u dawk li joqtlu jew jiġġustifikaw il-qtil bħala mezz biex jiġġieldu l-kriminalità fil-pajjiż.

Għalkemm ma semmewhx direttament b’ismu, l-istqarrija tal-Isqfijiet talludi għall-mexxej kontroversjali tal-pajjiż, il-President Rodrigo Duterte.

Duterte spiss ikollu kwistjonijiet mal-Knisja fil-Filippini, wieħed miż-żewġ pajjiżi b’maġġoranza ta’ Kattoliċi fl-Amerika Latina.  L-Isqfijiet ikkritikaw bl-aħrax il-programm vjolenti tiegħu kontra d-droga li wassal għall-qtil ta’ eluf ta’ persuni u kkritikaw ukoll l-iskop tiegħu li jerġa’ jintroduċi l-piena tal-mewt fil-pajjiż.

Ix-xahar li għadda l-President qal li “Alla hu stupidu” u attakka ħafna mit-tagħlim tal-Knisja Kattolika.

“Lil dawk li f’din id-dinja jiftaħru bl-għerf tagħhom infushom, dawk li b’arroganza jqisu lilhom infushom bħala għorrief u jqisu l-fidi Nisranija bħala “bla sens,” dawk li jidgħu li Alla hu stupidu, jgħodd għalihom il-kliem ta’ San Pawl: “L-istupidaġni t’Alla hi aktar għarfa mill-għerf tal-bniedem u d-dgħufija t’Alla hi aktar b’saħħitha mis-saħħa umana,” qal l-Arċisqof Romulo Valles, il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Filippini.