Tliet beach cleaners għal kull bajja f’Għawdex

Il-Ministeru għal Għawdex jimpjega medja ta’ tliet beach cleaners għal kull bajja f’Għawdex.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fi tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Dr Caruana qalet li fil-Ministeru għal Għawdex hemm 47 impjegat li qed jagħmlu xogħol ta’ tindif fil-bajjiet madwar Għawdex.
Minn informazzjoni ippubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa dwar il-bajjiet fil-gżira u li fihom jittieħdu kampjuni tal-ilma biex ikun ikkonfermat il-kwalità tal-ilma għall-għawm, f’Għawdex hemm 14-il bajja: il-Bajja ta' Mġarr ix-Xini, il-Kantra fix-Xlendi, il-Bajja Tax-Xlendi, il-Magħluq fid-Dwejra, ix-Xwejni, il-Qbajjar, il-Ponta ta’ Santa Marija u Għar Qawqla f’Marsalforn u l-Bajja ta’ Marsalforn innifisha, ir-Ramla l-Ħamra, il-Bajja ta' San Blas, il-Bajja ta' Daħlet Qorrot, il-Bajja ta' Ħondoq ir-Rummien u il-Bajja taż-Żewwieqa.
Dan ifisser medja ta’ 3.4 beach cleaner għal kull bajja rikonoxxuta.