Tliet artisti lokali kkonfermati għall-kunċert ta’ Joseph Calleja

NnG Promotions għadhom kif ħabbru l-ismijiet tat-tliet artisti lokali li se jkunu qed jieħdu sehem fil-kunċert annwali ta’ Joseph Calleja l-ġimgħa d-dieħla.

Ira Losco, li dan l-aħħar ħarġet is-sitt studio album tagħha li jinkludi s-silta popolari Hey Now, mistennija tkanta dwett ma’ Joseph Calleja fis-serata tal-24 ta’ Awwissu.

Għalkemm dawn iż-żewġ artisti mhux l-ewwel darba li kienu f’bosta avvenimenti flimkien, fosthom riċentement waqt il-programm X Factor Malta, din se tkun l-ewwel darba li huma se jkunu qed ikantaw dwett flimkien.

“Qed jiġi pjanat repertorju kbir,” saħqet Ira Losco, hekk kif issa dan il-kunċert qed joħloq aspettativa ikbar biex ikun wieħed li m’għandux jintilef.

It-tieni mistiedna f’dan il-kunċert se tkun Michela Pace, li bdiet il-karriera tagħha ftit xhur ilu wara li ġiet skoperta waqt il-kompetizzjoni televiżiva X Factor Malta u rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest li sar f’Tel Aviv f’Mejju li għadda.

Is-single Chameleon, l-ewwel waħda ta’ Pace fix-xena mużikali, irnexxielha titla’ sat-tielet post fil-klassifika tal-Global Spotify, kif ukoll kienet mal-Aqwa 10 fi 11-il pajjiż differenti, kif ukoll ukoll ġiet streamed bil-miljuni onlajn.

It-tielet artista mistiedna fil-kunċert ta’ Calleja hija Nicole Frendo, kklassifikata bħala 2nd runner up waqt l-X Factor Malta, u x-xahar id-dieħel se tkun fost l-10 finalisti fil-festival Taljan Festival di Castrocaro li se jixxandar ukoll fuq ir-Rai Due.

Permezz ta’ dan il-festival, l-artisti finalisti jista’ jkun li jispiċċaw biex jipparteċipaw fl-edizzjoni li jmiss ta’ Sanremo Giovani.

AQRA: Nicole Frendo fil-finali tat-62 edizzjoni tal-Festival di Castrocaro fuq Rai 2

Il-kunċert annwali ta’ Joseph Calleja se jkun qed jittella’ fuq il-Fosos tal-Furjana nhar is-Sibt 24 ta’ Awwissu.

Il-mistieden internazzjonali ta’ Calleja għal dan l-avveniment għal darb’oħra se jkun Andrea Bocelli.

Biljelli għal dan l-avveniment jistgħu jinkisbu minn www.showshappening.com