Aġġornata (2): Tliet nisa jweġġgħu f’inċident tal-Arriva

Żewġ nisa sofrew ġrieħi gravi filwaqt li mara oħra sofriet ġrieħi ħfief wara li dalgħodu kienu passiġġieri f'karozza tal-Arriva li baqgħet dieħla fi trakk ipparkjat.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-5.45 am fi Triq Wied il-Għajn f'Ħaż-Żabbar. 

Il-karozza tal-linja, li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta' 29 sena min-Naxxar, kienet fi triqitha lejn Wied il-Għajn meta ħabtet mat-trakk li kien ipparkjat mal-bankina tax-xellug. Mad-daqqa t-trakk tkaxkar għal ġo bieb ta’ garaxx,

It-tliet passiġġiera kienu mara ta' 75 sena minn Ħaż-Żabbar, oħra ta' 57 sena mill-Fgura u mara ta' 65 sena minn Ħaż-Żabbar. 

Fortunatament żewġ passiġġieri oħra ta' nazzjonalità barranija li kienu fuq ix-xarabank ma sofrew l-ebda ġrieħ, filwaqt li tnejn oħra ma nstabux fuq il-post mill-pulizija.

Meta seħħ l-inċident, sid it-trakk ta’ 59 sena, u ibnu ta’ 37 sena, it-tnejn residenti ix-Xgħajra, tbegħedu mill-vettura.

Għal xi ħin it-triq fejn seħħ l-inċident kienet magħluqa għat-traffiku. 

 

Ritratt: Clint Camilleri fuq info@newsbook.com.mt