​“Tliet skandli fid-Dipartiment tal-Artijiet taħt it-tmexxija tal-PM”

“L-ikbar tliet skandli li kien involut fihom il-gvern u fihom daħal l-Awditur Ġenerali seħħew fid-Dipartiment tal-Artijiet li għall-ewwel darba mill-Indipendenza l-hawn jifforma parti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru”.
Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi waqt l-aġġornament tas-seduta ta’ llejla tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Huwa ddedika l-aġġornament għal analiżi tar-rapport tal-Awditur Ġenerali intitolat “An Investigation of Government's Expropriation of Two One-Fourth Undivided Shares of the Property at 36 Old Mint Street, Valletta” u li wassal għar-riżenja tal-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Irrefera ukoll għax-xiri mill-ġdid tal-Cafe Premier b’nefqa ta’ €4.2 miljun “għalxejn” kif ukoll għall-“ksur tal-liġi” mill-General Workers Union fil-kiri mill-ġdid ta’ propjetà li għandha fil-Belt.
Huwa tenna b’ton ironiku l-allegazzjoni tal-Gvern li l-iskandlu inkwistjoni, li seħħ matul din il-leġislatura, huwa ħtija tal-Partit Nazzjonalista.  Dan hekk kif elenka pass wara l-ieħor kif żvolġa l-każ tal-espropjazzjoni tal-propjetà fi Triq iż-Żekka, inkluż kif din seħħet minkejja t-tħassib espress bil-miktub tal-Kummissarju tal-Artijiet, kif il-Gvern ma kkunsidra l-ebda alternattiva għall-proposta ta’ Gaffarena, u kif il-Gvern għażel li ma jqisx il-binja li għandha mijiet ta’ snin bħala waħda ta’ valur storiku u b’hekk seta’ jnaqqas b’mod sostanzjali l-valur tagħha.
B’referenza għall-kapitlu tal-Awditur Ġenerali dwar kif l-espropjazzjoni ma kellha l-ebda użu pubbliku, Azzopardi kkritika kliem in-neo-Segretarju Parlamentari b’responsabiltà għall-Artijiet Deborah Schembri li jeħtieġ wieħed jara x’jifhem il-pubbliku b’dan it-terminu. Sostna li teżisti madwar mitt sena ta’ ġurisprudenza dwar din id-definizzjoni, fosthom argumentazzjoni legali dettaljata li tagħżel bejn interess u użu pubbliku.