4 kantanti Maltin jiksbu suċċess f’festival fl-Italja

Erba’ kantanti Maltin, Anneka Xerri, Scarlet Kay Micallef u Ksenia Grech kklassifikaw f’pożizzjonijiet tajba waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival Orpheus in Italy li sar bejn nhar it-Tnejn u l-Ħamis ġewwa Lido di Jesolo f’Venezja fl-Italja.

Għal dan il-festival ta’ kant u żfin ħadu sehem madwar 300 parteċipant f’kategoriji differenti. Kien hemm artisti Maltin oħra li ħadu sehem pero kienu tlieta li kklassifikaw f’pożizzjonijiet tajba fil-kategoriji rispettivi tagħhom.

Anneka, li għandha 9 snin, ipparteċipat bil-kanzunetti You Raise me Up u Colors of the Wind u kklassifikat fit-tieni post fil-kategorija tagħha.

Scarlet, li għandha 10 snin, ġiet fit-tielet post. Hija pparteċipat f’dan il-festival bil-kanzunetti Idontwannabeyouanymore & Chandelier.

Dawn it-tnejn ipparteċipaw fil-kategorija miftuħa għal dawk bejn id-9 u l-11-il sena.

Ksenia Grech, ta 14-il sena, ġiet fit-tieni post fil-kategorija li ħadet sehem fiha għal kompetitturi bejn it-13 u l-15-il sena  u ħadet sehem bil-kanzunetti Idontwannabeyouanymore kif ukoll How Far I’ll Go.

Is-sehem ta’ dawn il-kantanti Maltin f’dan il-festival f’Venezja kien possibbli grazzi għal Erika Said minn Erseb Productions.

Fil-festival ħadet sehem ukoll Sara Baldacchino fil-kategorija għal kantanti bejn id-9 u l-11-il sena. Hija kisbet it-tieni post u pparteċipat bil-kanzunetti Speechless u Estate.

Is-sehem tagħha f’dan il-festival sar b’mod indipedneti mti-tlieta l-oħra.