Filmat: “Il-magħmudija hi l-mewt u l-qawmien” – L-Arċisqof

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=ds7DMPc8Rco]

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li l-magħmudija hi, l-ewwel nett, mewt, iżda mbagħad hi wkoll il-qawmien permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, għax b'hekk ngħixu ħajja ġdida.
Waqt iċ-ċerimonja tal-Vġili tal-Għid fil-Konkatidral ta' San Ġwann, li matulha ġew mgħammda tliet trabi u tmien adulti, l-Arċisqof saħaq li l-magħmudija hi l-immersjoni fil-mewt ta' Kristu u l-irxoxt għal ħajja ġdida.
Qal li l-Mulej illum jissiġilla lil dawk li tgħammdu bis-siġill tal-ispirtu qaddis tiegħu, biex ikunu l-fwieħa tiegħu fid-dinja. Sostna li aħna l-imgħammdin imsejħin biex fid-dinja nkunu l-proposta sinċiera u rispettuża tal-bniedem.
L-Arċisqof saħaq kif f'ħajjitna, it-tislima ta' Alla hi għalina waħda ta' ħniena u mħabba. Qal ukoll li l-Mulej jagħtina l-grazzja biex nintrabtu ma' Ġesù u minn miegħu ma ninħallu qatt.
Fiċ-ċerimonja tal-Vġili tal-Għid spikkaw is-simboliżmi, fosthom il-mixgħela tal-blandun, ir-rit tal-Magħmudija u l-kant tat-tħabbira tal-Għid meta l-Knisja tinxtegħel mid-dalma li tkun fiha. 
Iċ-ċerimonja bdiet bit-Tberik tan-Nar ġdid fuq iz-zuntier tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u wara kompliet bil-liturġija tal-Kelma, il-liturġija tal-magħmudija u l-liturġija tal-Ewkaristija. 
Ritratti: Ian Noel Pace