Tlett irġiel jitressqu l-Qorti dwar serq f’Għawdex

Tlett irġiel tressqu l-Qorti ta’ Għawdex b’rabta ma’ diversi każi ta’ serq minn Għawdex stess.

L-irġiel, wieħed ta’ 36 sena miż-Żebbuġ, ieħor ta’ 49 sena mix-Xagħra u Indjan ta’ 22 sena residenti l-Għarb, tressqu quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana.

L-Indjan ġie akkużat li f’Jannar, seraq laptop u rota minn lukanda f’San Lawrenz u li fit-23 ta’ April fl-Għarb laqa’ għandu jew xtara oġġetti misruqa, meħuda b’qerq jew akkwistati b’reat, sabiex imbagħad jinbiegħu. Ġie mixli wkoll li ppretenda li għandu xi jedd u fixkel xogħol it-terzi persuni u ndaħal fi ħwejjeġ ħaddieħor.  Huwa wieġeb ħati li seraq u li fixkel xogħol it-terza persuna, iżda wieġeb mhux ħati għall-kumplament tal-akkużi. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Minn naħa l-oħra, iż-żewġt irġiel l-oħra, ġew akkużati li fil-31 ta’ Marzu bejn it-8.30pm u d-9.30pm minn parkeġġ fir-Rabat, serqu għadd ta’ panelli. Ir-raġel mix-Xagħra ġie akkużat ukoll li kien reċidiv. Huwa wieġeb mhut ħati għall-akkużi u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet u garanzija personali ta’ €7,000.

Ir-raġel miż-Żebbuġ ġie akkużat li fil-31 ta’ Marzu u fil-jiem ta’ qabel minn ġewwa l-istess parkeġġ, laqa’ għandu jew xtara oġġetti misruqa, meħuda b’qerq biex imbagħad jinbiegħu.  Huwa ġie akkużat ukoll li wettaq dan ir-reat waqt perjodu ta’ probation u li kien reċediv.  Ir-raġel wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Hekk kif intalbet separazzjoni tal-ġudizzju, il-kawża fil-konfront tiegħu ġiet diferita għall-11 ta’ Mejju.  Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet u garanzija personali ta’ €15,000.

Il-Prosekuzzjoni f’kull każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.