Tlett ijiem ta’ volleyball fid-Dar tal-Providenza

fr martin micallef dar tal providenza volleyball

Read in English.

Tingħata bidu l-10 edizzjoni tal Maratona tal-Volleyball BOV Marigold b’risq id-Dar tal-Providenza. Il-maratona qed issir fil-parkeġġ tad-Dar stess fis-Siġġiewi u tasal fit-tmiemha l-Ħadd 1 ta’ Lulju.

Dun Martin Micallef id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fetaħ l-10 edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li qed issir b’risq id-Dar tal-Providenza bl-appoġġ tal-Marigold Foundation – BOV in the Community.

Fid-diskors tiegħu Dun Martin qal li l-maratona tistrieħ fuq is-sisien tas-solidarjetà  u l-isport. Huwa rringrazzja lill-voluntiera u l-plejers li qed jipparteċipaw fil-maratona, b’dawn tal-aħħar għaddew minn xahrejn ta’ taħriġ intensiv. Dun Martin ħabbar ukoll li dis-sena se tkun qed tinfetaħ dar oħra fil-Balluta filwqt li Dar Żerniq se tkun qed tiġi rinovata.

Preżenti għal ftuħ kien hemm ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca,  Anthony Decelis, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Clifton Grima, is-Segretarju għall-Isport, u Maria Deguara, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbilità.

Il-President esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha hekk kif fi kliema din l-attività partikolari tgħaqqad lil Malta. Filwaqt li Elvia George, l-Uffiċjal Finanzjarju tal-BOV qalet li l-Fondazzjoni Marigold ilha taħdem fil-qrib mad-Dar tal-Providenza minn kemm ilha li twaqfet il-Fondazzjoni.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru permezz tat-telefon fuq in-numru 51702012 għal donazzjoni ta’ €15, fuq in-numru 51802013 għal donazzjoni ta’ €25 u fuq in-numru 51902070 għal donazzjoni ta’ €50. Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom ukoll permezz tan-numru 79324834. Se jkun hemm ukoll pledge line bin-numru 21461537.