Tliet films ġodda ta’ Montalbano għas-sena d-dieħla

Luca Zingaretti bħala Montalbano. Ritratt: RAI

Minkejja li kienet uffiċjali li Andrea Camilleri, l-awtur Sqalli li ħoloq il-karattru tal-Kummissarju Montalbano f’numru ta’ kotba li ġew addattati għat-televiżjoni, kien marid serjament, bosta llum kienu maħsuda bl-aħbar tal-mewt tiegħu.

Camilleri kien jiġbed l-ammirazzjoni ta’ ħafna nies minn madwar id-dinja u ma naqsux il-kummenti ta’ sogħba għall-aħbar li hu kien miet fl-età ta’ 93 sena.

Oħrajn tħassbu dwar dak li issa se jiġri mill-karattru ferm popolari ta’ Montalbano, li nħoloq minn Camilleri.

Filwaqt li r-RAI se jkun qed jirrepeti aktar films ta’ Montalbano matul ix-xhur tas-Sajf, tħabbar ukoll li hemm tliet films ġodda, mill-ġdid b’Luca Zingaretti fil-parti ewlenija.

La Rete di Protezione, Salvo amato Livia mia u Il Metodo Catalanotti huma t-titli ta’ dawn it-tliet films li mistennija jixxandru kmieni s-sena d-dieħla, dejjem fuq Rai Uno, l-istazzjon li ilu mill-1999 ixandar il-films f’din issensiela.

B’kollox s’issa kien hemm 34 film ta’ Montalbano, minbarra 12 oħra ta’ Il Giovane Montalbano, prequel tal-films oriġinali, u li kienu nħadmu bejn l-2012 u l-2015.

AQRA: Miet l-awtur Andrea Camilleri; ħoloq il-karattru tal-Ispettur Montalbano