Tlesta r-restawr tal-Bieb ta’ Hompesch

Tlesta r-restawr tal-Bieb ta’ Hompesch f’Ħaż-Żabbar. Dan ħabbru il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis.

Ix-xogħol tar-restawr sar mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru taħt l-iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali. Ix-xogħol beda f’Ottubru 2017 u tlesta x-xahar li għadda. Ix-xogħol kien varju u inkluda wkoll it-tneħħija ta’ inserzjonjiet tal-metall mhux bżonnjużi, cables, wires, eċċ kif ukoll tindif tal-wiċċ tal-ġebla fost oħrajn.

Il-Bieb ta’ Hompesch inbena fl-1801 minn nies ta’ Ħaż-Żabbar ad unur il-Gran Mastru John Ferdinand Von Hompesch zu Bolheim. Fl-1797 il-Gran Mastru kien iddikkjara lil Ħaż-Żabbar bħala belt bit titlu ta’ Citta Gratiosae Hompesch. Il-Bieb inbena fuq stil neoklassiku, u ż-żewġ faċċati tiegħu, dik tal-Lvant u dik tal-Punet ingħataw trattamenti arkitettoniċi differenti. Il-Bieb kien inkluż fil-Lista ta’ Antikitajiet Nazzjonali tal-1925, huwa skedat bħala monument nazzjonali tal-ewwel Grad u kien inkluż fl-Inventarju Nazzjonali tal-Propjetà Kulturali tal-Gżejjer Maltin.