​Tlajt Għawdex u ma tridx tistenna fil-kju għall-vapur?

Daqshekk uġigħ ta’ ras minħabba l-kju għall-vapur ta’ Għawdex, għax qabel ma titlaq minn fejn tkun, issa tista’ tiċċekkja kemm ikun hemm karozzi jistennew.  
Minn fuq is-sit visitgozo.com wieħed jista’ jara l-andament tal-kju fl-Imġarr. Dan permezz ta’ filmati live minn erba’ kameras li tpoġġew fl-inħawi tal-port. Waħda mill-kameras turi l-parti tal-marshalling area,  oħra t-tarf tan-niżla ftit qabel ma wieħed jaqta’ l-biljetti u tnejn oħra tan-niżla minn Għajnsielem.
Din is-sistema żgur se tinżel għasel ma’ dawk il-Maltin li fi tmiem din il-ġimgħa se jaqsmu l-fliegu biex iqattgħu erbat ijiem ta’ mistrieħ.  Din se tkun strumentali wkoll għall-għadd ta’ Għawdxin li spiss jaqsmu minħabba xogħol jew studju.
Is-sistema, li qed isir mill-Ministeru għal Għawdex, għadha qed tiġi ttestjata u hemm possibiltà li ma taħdimx minn fuq il-mowbajls kollha. Madanakollu wieħed jista’ jara l-filmati hawn jew jidħol fuq  https://www.visitgozo.com/live-ferry-queue-streaming/
U għal dawk li qed jistaqsu jekk hux se jkun hemm l-istess servizz miċ-Ċirkewwa, forsi se jiġu nstallati kameras fil-futur qrib?