“Tlabna lin-negozji żgħar biex jagħmlu business plan ukoll” – David Xuereb, Newsbook Webinar

Il-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb stqarr li l-Kamra talbet lil kull membru fil-komunità kummerċjali, mill-kbir saż-żgħir, biex ifasslu business plan għall-futur. Irrefera għat-think tank tal-Kamra tal-Kummerċ fejn qed jikkontribwixxu mal-140 stakeholder, biex jinħoloq settur li jirrifletti post tax-xogħol sigur u effiċjenti.

Waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt, il-Perit Xuereb Saħaq li l-Kamra tal-Kummerċ temmen li dan jgħin biex niksbu mill-ġdid l-istabbilità ekonomika. Insista li wieħed mill-għanijiet tal-Kamra huwa li l-indiċi tal-kompetittività jirrifletti kif Malta ħadet l-aqwa opportunitajiet biex tkabbar l-ekonomija. Irrimarka li din l-analiżi għandha ssir b’mod regolari u li b’hekk biss l-ekonomija tissaħħaħ.

L-2020 se tkun imniżżla fil-kotba tal-Istorja?

David Xuereb irrimarka li 20 sena oħra, fil-kotba tal-Istorja, is-sena 2020 se tibqa’ msemmija għall-introduzzjoni ta’ prattiċi bħala riżultat tal-pandemija tal-coronavirus u li sa dak iż-żmien se jkunu kkunsidrati normali.

David Xuereb saħaq li wieħed irid joqgħod attent kif jitratta d-diffikultajiet li jista’ jġib miegħu n-normal il-ġdid, “iżda għandna nqisuhom ukoll bħala opportunità biex noħolqu ambjent aktar sigur fuq il-post tax-xogħol, fid-djar u fil-komunità.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ qabel mar-rimarki tal-Prim Ministru fl-istess webinar, li enfasizza l-importanza li l-imsieħba kollha jkomplu jiddiskutu u jaħdmu għall-istess għan. “Id-diskussjonijiet m’għandhomx jieqfu fl-immedjat. Hu bżonjuż li nkomplu nanalizzaw jekk id-deċiżjonijiet tal-lum għandhomx jinżammu għal żmien twil, biex nadattaw għar-realtijiet ġodda li jistgħu jaħdmu b’mod effiċjenti anke meta  tkun għaddiet il-pandemija.

Xuereb insista li l-appell tal-Kamra lill-komunità kummerċjali u lill-pubbliku huwa li d-dixxiplina hija ta’ importanza kbira f’dan l-istadju.  “Ir-realtà l-ġdida hija li l-biża’ tal-virus qed tonqos bil-mod. Dan m’għandux ikun minħabba ta’ nuqqas ta’ dixxiplina, imma għax nifhmu l-virus aħjar. Iktar ma nifhmuh, aktar inkomplu għaddejjin b’ħajjitna u nitgħallmu kif ngħixu bih. Li ma jistax ikollna huwa repetizzjoni għal dak li ġara l-Furjana ftit tal-jiem ilu, għax dak hu eżempju ċar ta’ nuqqas ta’ dixxiplina”, żied jgħid.

Il-Perit Xuereb saħaq li l-pandemija hija problema internazzjonali u li kull pajjiż irid jadatta l-aħjar li jista’. Fisser li l-Kamra hija konvinta li bħala pajjiż, Malta se tkompli tagħmel użu tajjeb mill-miżuri ta’ sigurtà biex nadattaw għar-realtajiet ġodda, speċjalment f’dak relatat ma’ teleworking u miżuri ta’ iġjene. “Konvinti li dawn ir-realitajiet jibqgħu magħna anke wara li jinstab il-vaċċin. Din tagħti wkoll lok għal opportunitajiet ta’ kif wieħed josserva r-riżorsi bl-aktar mod effiċjenti”, kompla jgħid.

Il-webinar kien indirizzat ukoll mill-Arċisqof Charles Scicluna, mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mario de Marco.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn