Tlabna lill-Pulizija tinvestiga l-każ tal-qattusa feruta – Refalo

Elaine Aquilina

Il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li saret talba mal-Pulizija biex tiftaħ investigazzjoni dwar il-każ tal-qattusa li nstabet feruta f’Ħaż-Żebbuġ.

Fuq Facebook Refalo qal li l-qattusa tinsab f’qagħda kritika. Qed tingħata l-kura fl-isptar tal-annimali APH.

“Il-Ministeru għall- Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali talab lill-Pulizija biex tiftaħ investigazzjoni sabiex ikunu determinati l-avvenimenti eżatti li wasslu għall-ġrieħi ta’ din il-qattusa,” kiteb Refalo.

Żied jgħid li bħalissa huwa l-istaġun tal-friegħ tal-qtates, u ħeġġeġ lin-nies biex ikunu attenti għal dawn il-ħlejjaq żgħar.

Il-qattusa li l-bieraħ kienet vittma ta’ dak l-inċident ferm ikrah, għadha qed tiġi mmonitorjata mill-veterinarji…

Posted by Anton Refalo on Saturday, April 25, 2020

Il-qattusa nstabet bla saqajn f’Ħaż-Żebbuġ ilbieraħ. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ qal li hu infurmat li l-qattus intlaqat b’magna tal-ħsad ġo għalqa.

Illum it-TVM qal li matul il-lejl instabu tlett iqtates mejta fl-Għargħur. Qalu li hemm suspett li nqatlu minn xi klieb.

“Dwar il-każ sar rapport mal-għassa tan-Naxxar kif ukoll mal-Animal Welfare.  Jidher li persuna oħra rrappurtat li ġimgħa ilu wkoll sabet qattusa mejta, vittma tal-istess klieb,” qal it-TVM.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ kelliem għall-Pulizija li qal li ma kinux saru rapporti dwar il-każ.