“Tkunux ħorox miegħu; wasal il-Milied” – id-difiża lill-Qorti

L-avukat tad-difiża talab lill-Qorti sabiex ma timponix curfew ta’ bil-lejl fuq raġel akkużat li kkawża ħsarat fuq karozzi fiż-Żejtun wara li kien fis-sakra kmieni lbieraħ filgħodu. Dan minħabba li wasal żmien il-festi u anke minħabba x-xogħol tiegħu.

Ix-xufier tat-taxi, li għandu 28 sena u jgħix f’Ħal Qormi qajjem kommozzjoni fi Pjazza Bandolier għall-ħabta tas-1.35am u l-pulizija ġew imsejjħa fuq il-post. L-uffiċjali ltaqgħu mar-raġel li kien qed jagħmel l-istorbju wara li kien jidher li xorob ftit wisq. Issemma kif malli ra l-pulizija, ir-raġel sar aggressiv u beda jsabbat u jgħati d-daqqiet ta’ sieq lil karozzi pparkjati fil-viċinanzi.

Fil-Qorti, ir-raġel wieġeb mhux ħati li għamel ħsarat volontarji fuq ħames karozzi, inkluż mutur u karozza tal-Pulzija. Hu ġie akkużat ukoll li kien aggressiv ma’ kuntistabbli tal-pulizija, li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li kien fis-sakra fil-pubbliku u li kiser il-paċi pubblika.

Filwaqt li talbet għall-ħelsien proviżjorju mill-arrest, id-difiża insistiet li l-imputat kien diġà ħa l-lezzjoni li kellu jieħu wara din is-sitwazzjoni li daħal fiha. Il-Qorti ddeċidiet li tagħtih il-ħelsien proviżorju fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Hu ġie ordnat jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.